|
Din is-sena jaħbat il-75 anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-inkwadru tal-Verġni Mbierka Ta’ Pinu. Ħafna huma dawk il-pellegrini li ta’ kuljum iżuru l-Bażilika u jitolbu l-għajnuna lil Omm Alla. Barra minn hekk din is-sena l-inkwadru ġie onorat b’Rosa d’Oro’ minn Benedittu XVI waqt iż-żjara tiegħu f’Malta.
Għal din l-okkażjoni ser jittella’ kunċert ta’ mużika sagra nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju fis-7.30pm ġewwa l-Bażilika Ta’ Pinu.
Il-kunċert ser jittella’ minn ‘The Three Attards’. Għalkemm dawn it-tlett mużicisti għandhom l-istess kunjom, dawn ma jiġux minn xulxin. L-unika ħaġa li tgħaqqdhom hi l-mużika u l-iSchola Cantorum Jubilate. Waqt li l-pjanista Stephen Attard huwa l-ikbar fl-eta’ u għandu reputazzjoni tajba, Marouska hija ukoll ferm magħrufa fil-kamp mużikali. Hija sopran u d-Direttrici ta’ Schola Cantorum Jubilate. Philip Attard, minbarra li hu kantur mas-sezzjoni tal-baxxi, huwa ukoll sassofonista li jiprometti ħafna. F’din is-serata, huma ser jingħaqdu u jinterpretaw kompożizzjonijiet minn Bach, Handel, Mozart u oħrajn. Fl-istess kunċert, ser jinqraw xi kitbiet marjani.
Kulħadd huwa mistieden għal dan il-kunċert. Dħul b’xejn. Dawk li huma nteressati jattendu huma mitluba jkunu posthom fis-7.15pm. Aktar informazzjoni fuq www.scjchoir.com jew www.tapinu.org
|